Oceana tniedi spedizzjoni fl-ibħra Maltin mħux esplorati

08/06/2015

Il-proġett ser jinvestiga reġjuni f’Malta li għadhom qatt ma ġew esplorati s’issa permezz ta’ ROV u tagħmir avvanzat ta’ immappjar

Oceana se tniedi spedizzjoni ta’ xahrejn biex tistudja żoni ta’ baħar fond u għerien taħt l-ilma f’Malta. Il-kampanja, inkluża fil-proġett LIFE BaĦAR for N2K, se tiġbor informazzjoni dwar ambjenti u speċi tal-baħar sabiex Siti ta’ Importanza Komunitarja ġodda jkunu jistgħu jiġu protetti taħt in-netwerk Natura 2000. Ħafna minn dawn iż-żoni se jiġu riċerkati għall-ewwel darba.

Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-fond LIFE+ ta’ Unjoni Ewropea u mmexxi mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, l-Università ta’ Malta u Fundación Oceana. Ambjenti tal-baħar importanti se jiġu studjati f’żoni partikolari bejn il-kosta Maltija u l-konfini ta’ 25 mil nawtiku u f’fond ’l isfel sa 1000m taħt il-livell tal-baħar.

Ricardo Aguilar, id-direttur tal-kampanja u l-mexxej tal-ispedizzjoni ta’ Oceana fl-Ewropa jispjega li: “Ftit li xejn baħar fond f’Malta ġie dokumentat minħabba l-kumplessità teknoloġika tar-riċerka f’dan l-ambjent. Fil-fatt, l-istudji marittimi mwettqa minn Oceana għall-proġett LIFE BaĦAR for N2K se jkunu l-uniċi immaġini ta’ taħt l-ilma li jeżistu ta’ ħafna miż-żoni riċerkati”. “Ninsabu eċitati ħafna dwar din l-ispedizzjoni għax esplorazzjonijiet li saru qabel fil-Mediterran wasslu għal skoperti sinifikanti u kienu fundamentali fix-xogħol tagħna biex inħarsu siti marittimi importanti.”

Se jsiru riċerka u studji abbord il-katamaran ta’ riċerka Oceana Ranger permezz ta’ ROV li jinżel sa 1000 metru fil-fond u jirrekordja b’HD komplut. Ix-xjentisti marittimi abbord ir-Ranger se jagħtu prijorità lir-riċerka tas-sikek, l-imfierex tar-ramel u l-għerien tal-baħar, peress li dawn il-karatteristiċi tal-baħar għandhom jiġu protetti taħt id-Direttiva dwar il-Habitats. Se jittieħdu vidjows, ritratti u kampjuni minn qiegħ il-baħar biex jiżguraw li wieħed jifhem sew iż-żoni studjati.

Noti lill-editur

LIFE BaĦAR for N2K huwa t-tieni proġett LIFE+ bi sħab ma’ Oceana. Aktar kmieni din is-sena, LIFE+ INDEMARES konkluż fi Spanja, wassal biex jiġu miżjuda 73,000 km2 man-netwerk Natura 2000. Oceana kienet responsabbli biex tirriċerka għolja fil-baħar b’teknoloġija simili bħal dik li se tintuża f’Malta, u tat informazzjoni dwar xi wħud miż-żoni studjati fi ħdan il-proġett.

Natura 2000 huwa netwerk ta’ żoni protetti fl-UE u huwa meqjus bħala l-akbar grupp koerenti ta’ żoni protetti fid-dinja. In-netwerk Natura 2000 ġie stabbilit fl-1992 taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats, bil-għan fit-tul li jipproteġi l-ispeċijiet u l-ħabitats l-iktar vulnerabbli u mhedda fl-Ewropa.